Il-Festa Titulari

Tagħrif miġbur mill-ktieb "Ħal Tarxien" ta' Vincent Battistino, b'żieda ta' tagħrif minn Jos. A. Farrugia miġbur minn diversi artikli)

faccata tal-knisja fil-festa

Il-Festa liturġika tal-Lunzjata minn dejjem kienet issir fil-25 ta' Marzu ta' kull sena. Minħabba li dan iż-żmien ikun ir-randan, il-poplu ta' Ħal Tarxien xtaq jibdel din id-data biex issir fi żmien iżjed addattat. Illum il-Festa qed tiġi ċċelebrata fir-raba' jew il-ħames Ħadd fuq l-Għid il-Kbir, skond kif jaħbat.

Meta l-Isqof Tommaso Gargallo, fid-29 ta' Mejju 1592, għolla l-Knisja qadima tal-Lunzjata għall-Parrocca , f'dawk iż-żmenijiet f'Ħal Tarxien kien hemm madwar 400 jew 500 ruħ u m'għandniex xi ngħidu, it-twaqqif ta' Ħal Tarxien bħala Parroċċa ġab ferħ kbir għan-nies ta' dan ir-Raħal u l-imħabba lejn il-Madonna tal-Lunzjata żdiedet tant li n-nies bdew isemmu lit-trabi bl-isem tal-Madonna Annunzjata, Lonza jew Lonzu.

L-eqdem vara li hemm fil-knisja hi dik tal-Madonna tar-Rużarju maħduma fl-injam fis-Seklu 17 (qabel l-1699). Din kienet toħroġ għall-festi kollha tal-Madonna. Kienet użanza ta' Malta kollha imma fis-Seklu 19 wara li għaddiet il-mewġa kerha tal-pesta, it-Tarxiniżi ħasbu ukoll li jkollhom vara tal-Lunzjata li kienet lesta fl-1829, maħduma fl-injam minn mastru Xandru Farrugia taż-Żejtun. Din l-istatwa nġiebet f'Ħal Tarxien nhar il-Ħadd ta' qabel il-festa tal-Lunzjata ta' l-1829. Kienet l-ewwel statwa b'żewġ figuri. Il-pedestall sar fuq id-disinn tal-Perit Mikiel Busuttil (1912).

statwa tal-annunzjata

Il-festi fl-irħula u l-ibliet tagħna ma kienux festi kif nafuhom il-lum; kienu festi li l-antenati tagħna kienu jiċċelebraw modestament. Naturalment aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, beda jidħol il-lussu, aktar tard żdied il-briju u b'hekk bdiet il-pika bejn raħal u ieħor.

Il-festa ta' Ħal Tarxien għandha għeruq fil-fond. Fir-Reġistri Parrokkjali nsibu sa minn żminijiet imbegħda rendikonti tal-flus minfuqa fil-festa. Dawn l-istess rendikonti juru li dak iż-żmien kienu diġa' jsiru ċelebrazzjonijiet esterni għax l-ispiża kienet tinkludi wkoll ħlas ta' porvli. Il-faċċata tal-knisja hija xhieda oħra ta' dan. Imwaħħlin magħha nsibu numru kbir ta' msiemer li magħhom kienu jiddendlu t-tazzi taż-żejt. Fit-toroq kienu jintużaw rużuni tal-ħadid imdendla mal-ħitan tad-djar għall-istess skop. Jingħad li fil-bidu ta' Triq Palma kienet tintrama bħal siġra tal-ħadid imżejjna b'għadd kbir ta' tazzi kkuluriti mixgħula biż-żejt.

simmons antik

 Il-Festa fl-antik

 

armar tal-festa

It-Toroq kienu u għadhom jintramaw b'diversi statwi tal-kartapesta, ħafna minnhom xogħol ta' Karlu Darmanin, statwarju magħruf . Fost dawn insibu l-aktar sett klassiku li juri ż-żwieġ tal-Madonna u l-aktar statwa popolari magħrufa bħala l-Anġlu tal-Marċ. Din l-istatwa tirrappreżenta l-Qerda ta' l-Ereżija ta' Nestorju u kienet saret biex tikkommemora l-anniversarju tal-Konċilju ta' Trentu (431 A.D.) li fih il-Madonna ġiet iddikjarata Omm Alla. Ħafna minn dawn l-istatwi huma akkumpanjati minn pedestalli, li mill-istil tagħhom wieħed jattribwihom lill-Francesco Faure'.

F'Ħal Tarxien l-organizzazzjoni tal-festa, kemm interna kif ukoll esterna, dejjem kienet responsabbilta' tal-knisja. L-armar kollu li sar matul iż-żmien huwa proprjeta' tal-parroċċa u jiġi amministrat minnha. Għal dan il-għan il-kleru kien jieħu ħsieb jaħtar minn fostu prokuratur. F'dawk li huma festi nterni dan kien ikun mgħejjun minn numru ta' nies magħrufa bħala dilettanti li kienu jieħdu ħsieb jarmaw u jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni mingħajr ebda ħlas fuq l-armar li kien proprjeta' tal-knisja. L-iskop ewlieni tagħhom hu li l-festa tirnexxi minn kull aspett, kemm minn dak religjuz kif ukoll minn dak soċjali. Il-Prokuratur tal-festa kien jieħu ħsieb jikkuntratta lil min jarma t-toroq bid-dawl, jistieden lill-baned, jordna n-nar u jikkordina dan kollu. Iżda aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar saret ħaġa diffiċli li l-organizzazzjoni tal-festa esterna beda jinħass piż kbir. Din wasslet għat-twelid tal-Kumitat tal-Festa fi żmien il-Kappillan Dun Anton Rapa (1952).

Dan kien jiġbor fih rappreżentanti minn Soċjetajiet, kif ukoll għadd ta' membri benvisti mill-Kappillan. Ix-xogħol kollu mill-Kumitat tal-Festa jsir sena wara l-oħra bl-għanijiet prinċipali li jagħti qima lil Marija Annunzjata, patruna ta' Ħal Tarxien, u li mhux biss li t-Tarxinizi jieħdu pjaċir iżda anke jagħtu gost lil kull min jiġi minn barra l-pajjiż għall-Festa tar-Raħal.L-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata tagħti s-sehem tagħha ukoll biex il-festa tar-raħal tkun suċċess.

Il-banda tagħmel marċi brijużi matul it-toroq ta' Ħal Tarxien kif ukoll tesegwixxi programmi mużikali fil-jiem tal-Festa.Baned oħra jieħdu sehem ukoll matul il-jum tal-festa. L-Għaqda tan-Nar San Gabriel tieħu ħsieb tesegwixxi l-logħob tan-nar matul dawn il-jiem . Mill-1991 l-ispiża tal-festa dejjem qabżet l-Lm4,000.

 

Iktar Ritratti tal-Festa

 
Numru ta' Hits