Nies Prominenti

(Tagħrif miġbur mill-ktieb "Ħal Tarxien" ta' Vincent Battistino, b'żieda ta' tagħrif minn Joseph A. Farrugia)

L-Isqof Tommaso Gargallo (1578-1614)

Il-Papa Girgor XIII, fl-1579, ħatar lil Tommaso Gargallo, li kien għamel bosta snin bħala viċi-kanċillier ta' l-Ordni, Isqof ta' Malta. Kien bniedem għaref u ta' dixxiplina kbira kif kien jeħtieġ f'dak iż-żmien. Matul is-37 sena ta' l-episkopat tiegħu, kellu taqbida kontinwa ma' ħafna personalitajiet prominenti fosthom il-Gran Mastri La Cassiere, Verdalle u Garzes, kif ukoll mal-membri tal-Katidral u tal-Kleru. Hu kien ta' għajnuna kbira għall-Knisja billi waqqaf għadd ta' parroċċi ġodda: ta' l-Isla, Bormla, San Pawl u Santa Marija Damaxxena fil-Belt, Ħal Kirkop, Ħal Tarxien, Ħal Lija, Mqabba u Ħal Safi. L-Isqof Gargallo miet fl-10 ta' Ġunju 1614 fid-dar tiegħu fuq l-Għolja ta' Santa Margerita barra l-Birgu u ġie midfun fil-Knisja tal-Ġizwiti l-Belt. Kien benefattur kbir għal Ħal Tarxien għax għamlu parroċċa fid-29 ta' Mejju 1592.

Dun Ġwann Barbara (1670-1759)

Dun Ġwann Barbara twieled Ħal Tarxien nhar id-19 ta' Mejju 1670 minn Natale Barbara mill-Gudja u Antonia Camilleri minn Ħal Tarxien. Kien ir-raba' fost sebat aħwa f'familja numeruża u mportanti minħabba li kienet familja għanja kemm materjalment kif ukoll spiritwalment. Dun Ġwann kien jaħdem ir-raba hu stess jew iqabbad lil ħaddiehor, kien jiżra' l-qamħ u l-qoton kif kienet id-drawwa dik il-ħabta. Fid-dar kellu l-għodda kollha tal-biedja u kien jinnegozja flusu billi kien jislef lill-baħħara neguzjanti tal-qoton li kienu jsiefru għal Spanja fl-ibliet ta' Alicante, Barcellona, Cadiz u Marsilja.

Matul il-mitt sena (1668-1760) fil-familja Barbara nsibu mhux inqas minn għaxar qassisin. Biżżejjed insemmu lil zijuh, il-W.R.Dr.Gio Marija Barbara, Kappillan ta' Ħal Tarxien (1662-1668), zijuh ieħor bl-isem ta' Dun Ġwann, li kien viċi ta' l-istess kappillan imsemmi, u lil ħuh Dun Indri. Dun Ġwann trabba u għex madwar il-Knisja u qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu nhar il-5 ta' Ġunju 1694 fl-eta' ta' 24 sena. Sa minn tfulitu, Dun Ġwann kien miġbud lejn il-parroċċa u ta' 17-il sena kien ġa pprofessa bħala fratell f'tal-Kunċizzjoni. Għal 66 sena sħaħ baqa' jagħmel il-ministeru ta' qassis fil-parroċċa ta' Ħal Tarxien sakemm miet ta' 90 sena fid-dar tiegħu Nru. 47, illum Sqaq Brittaniku Nru.1, jew kif kien jissejjaħ Sqaq Barbara, jew Sqaq il-Forn, wara l-Knisja Parrokkjali. Ħalla ġidu kollu lill-knisja parrokkjali tant li bi flusu saret Fondazione Barbara li għadha tintuża sal-lum. Hu midfun fil-kor fejn hemm il-lapida fuq il-qabar tiegħu u pittura/ritratt fis-sagristija.

Giuseppe Cali' (1846-1930) Pittur

Twieled il-Belt Valletta nhar l-14 ta' Awissu 1846 minn Raffaele u Giovanna Padiglione (Naplitani). Missieru kien pittur u mużiċista. Giuseppe għamel l-istudju tiegħu fl-Accademia delle Belle Arti ta' Napli taħt Giuseppe Mancinelli. Bosta mix-xogħlijiet tiegħu jinsabu fil-knejjes ta' Malta u Għawdex u fil-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti. Biex ikun jista' jagħmel ix-xogħol fdat lilu, Cali', fl-1894, kien ġie joqgħod Ħal Tarxien taħt San Ġużepp, Triq Tarxien.

Fost ix-xogħlijiet ta' Cali' li jinsabu fil-Knisja Parrokkjali, ta' min isemmi dak li jinsab fl-arzella fejn Cali' jurina kompożizzjoni tal-Wegħda li Alla għamel lill Adam u Eva u tal-Miġja tas-Salvatur li kellu jitwieled minn Mara, l-Madonna. Erba' Evanġelisti ta' ġmiel kbir jinsabu taħt il-koppla u ż-żewġ kwadri ta' San Pietru u San Pawl. Iżda l-akbar kapulavur ta' Cali' bla dubju huma l-kwadru tal-Ħarba mill-Eġittu u dak tat-Twelid tal-Bambin li jinsabu fil-ġnub tal-kor. Bħala turija ta' apprezzament tal-ġmiel ta' dawn ix-xogħlijiet ta' Ġuze' Cali' maħduma f'Ħal Tarxien fl-1895, fil-Milied ta' l-1979, il-Gvern ħareġ erba bolli tal-Posta.

Xogħlijiet oħra ta' Giuseppe Cali' li jinsabu fl-istess knisja huma żewġ kwadri, wieħed tad-Duluri u l-ieħor ta' San Franġisk ta' Paola u l-kwadrett ta' San Vinċenz Ferreri. Guże' Cali' kellu kompetizzjoni kbira minn artisiti barranin, bħal Bruschi, Gagliardi u Palombi. Il-Professur Giuseppe Cali' miet ta' 84 sena fl-1 ta' Marzu 1930 u jinsab midfun fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata. Hu kien wieħed mill-aqwa pitturi li kellha Malta.

Il-Kavallier Rafel Bonnici Cali'

Rafel twieled fil-11 ta' Ġunju 1907 minn Alfredo Bonnici u Marija Carmela Cali' f'Ħal Tarxien, bint Lorenzo Cali' ħu Ġuże' Cali'. It-Tarxiniż Rafel għandu diversi xogħlijiet ta' l-arti fi knejjes differenti ta' Malta.

Il-Kavalier Raffaele Bonnici Cali' għamel bosta xogħlijiet fl-istess Knisja Parrokkjali fejn kien mgħammed u għalhekk jidher li għamel mill-aħjar sabiex iżejjen il-knisja tal-parroċċa tiegħu. Dan il-pittur tana t-tpingija ta' tliet kompożizzjonijiet kbar fuq il-Madonna li hemm fil-knisja ta' Ħal Tarxien li juru (a) Marija Omm Alla (skond il-Konċilju ta' Efeso), (b) Marija Omm il-Knisja (skond il-Konċilju Vatican II) u (c) Marija tkanta l-Magnificat, pittura li hi meqjusa bħala l-kapulavur ta' Bonnici Cali'. Barra dawn ix-xogħlijiet, Bonnici Cali' għandu wkoll fl-istess Knisja l-kwadrett ta' Sant'Andrija, u ta' Santa Tereża tal-Bambin Ġesu' Protettriċi tal-Missjonijiet, li l-pittur stess irregala lill-istess knisja. Hu miet fis-6 t'Awissu 2002 u ġie midfun fil-qabar tal-familja fiċ-Ċimiterju ta' l-Erwieħ f'Ħal Tarxien. Għax-xogħol tiegħu kien ġie rregalat bil-Premju Anzjan Tarxiniż mill-Kunsill Lokali fis-sena 1997.

Giuseppe Montebello - Logutenent (1578-1614)

Il-Logutenent Giuseppe Montebello kien ġie maħtur bħal deputat biex jirrappreżenta lill-poplu ta' Ħal Tarxien fl-Assemblea li kienet tissejjaħ Kungress. Id-dar ta' l-ewwel Kmand ta' Ħal Tarxien is-Sur Ġuże' Montebello, kienet dik ta' terran wieħed bil-parapett li hemm fi Triq Sqajjaq bin-numru 35, id-Dar tal-Logutenent , minn fejn kien joħrog raġel idoqq it-tambur quddiemu sa ma jasal fil-misraħ (Misraħ is-Suq) biex jaqra lin-nies tar-Raħal xi bandu li jkun ħareġ il-Gvern. Aktar 'il quddiem, fil-15 ta' Ġunju 1815, fi proklama li ħareġ il-Gvernatur ta' Malta, Sir Thomas Maitland qasam lill-Gżejjer Maltin f'sitt distretti u Ħal Tarxien flimkien ma' Raħal Ġdid, iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Ħal Għaxaq, il-Gudja u Ħal Luqa kienu taħt il-Logutenent il-Baruni Baskal Sciberras, u s-Sur Ġuże' Montebello bħala Deputat Logutenent tiegħu.

Ġuże' Montebello miet fit-8 ta' Frar 1833 u minfloku l-Gvern ħatar lis-Sur Anton Castagna u aktar tard lis-Sur Ġuże' Cauchi.

Francesco Crispi - Avukat u Politikant (1819-1901)

Francesco Crispi kien avukat żagħżugħ u mexxej ta' ħidma politika kontra Ferdinando Borbone, re ta' Sqallija. Crispi kien wasal Malta fis-26 ta' Marzu 1853 fuq il-vapur Oriente wara li telaq minn Sqallija waqt l-irvellijiet ta' l-1848 kontra Borbone, fejn ingħaqad ma' mexxejja oħra fosthom Ruggieru Settimo u Nikola Fabrizi. Francesco Crispi kien raġel fqir ħafna u sakemm dam Malta għamel żmien twil jgħix f'Ħal Tarxien, x'aktarx f'numru 25 Triq il-Kbira. Fost il-ħbieb li kien jikkorrispondi magħhom kemm dam joqgħod Ħal Tarxien kien hemm Michele Amari, Sqalli famuż u awtur. Crispi halla Malta fit-30 ta' Diċembru 1855 fuq il-frejgata Sampson u miet f'Napli fl-1901 wara li serva f'diversi karigi fl-Italja pajjiżu, fosthom dik ta' President tal-Kunsill u darbtejn Prim Ministru.

E.B.Vella (1899-1946) - Storjografu

Emanuel Benjamin Vella twieled il-Mosta. Bla dubju, ftit huma dawk li qatt ma semgħu b'dan il-persunaġġ li tant għamel isem mhux biss fil-qasam ta' l-arkeoloġija meta għin fl-iskavar tat- empji Neolitiċi f'Ħal Tarxien u studji fuq tempji oħra, iżda anke fl-istorja ta' diversi bliet u rħula Maltin. Fil-ktieb tiegħu 'Storja ta' Ħal Tarxien u Raħal Ġdid' (1932), Vella wera s-sbuħija tar-raħal tagħna waqt li ħareġ għad-dawl il-ġrajjiet ewlenin li għaddew minnhom missirijietna; ġrajjiet li jitfgħu dawl ukoll fuq l-istorja ġenerali ta' art twelidna. Aktarx li E.B.Vella tħajjar jinseġ il-ġrajja taż-żewġt irħula li kważi huma raħal wieħed, minħabba ż-żmien li qatta' (1933-43) bħala surmast ta' l-iskola primarja governattiva ta' Ħal Tarxien. Kien edukatur kbir. Kien iħarreġ lill-għalliema fit-tagħlim tal-Lingwa Ingliża. Hu miet fit-2 ta' Mejju 1946.

Mons. Prof. Dun Karm Sant (1921-1992) - Kittieb

Dun Karm Sant, kif inhu tant magħruf, hu kittieb prolifiku. Huwa ta kontribuzzjonijiet fil-qasam ta' l-Iskrittura Mqaddsa, f'rivisti letterarji u f'ġurnali lokali u barranin. Twieled f'Ħal Tarxien minn Leli Sant u Madalena Penza , u wara li gradwa fl-Universita' ta' Malta sar saċerdot fl-1946 u kompla l-istudji tiegħu f'Ruma. Fl-1964 Dun Karm kiseb l-ogħla grad fl-Iskrittura mill-Istitut Pontifiċju Bibbliku u wara ġie maħtur professur ta' l-Iskrittura Imqaddsa fl-Universita' ta' Malta. Kien Mons. Sant li ta lill-Maltin it-test modern tat-Testment il-Ġdid tal-Bibbja Mqaddsa. Mons. Sant huwa benefattur kbir ta' pajjiżna meta tqis il-kontribut kbir li ta fil-kamp lingwistiku, Bibbliku u Letterarju. Kien hu li beda joħroġ il-fuljett "Tarxien" fl-1961. Kiteb ukoll diversi artikli u studju dwar Ħal Tarxien. Miet fit-23 ta' Settembru 1992.

Kelinu Cachia - Kittieb u Benefattur (1922-1995)

Is-sehem ta' Kelinu għal Ħal Tarxien huwa kbir ħafna għaliex iddedika ħajtu kollha għal raħal twelidu. Meta wieħed iħares lejn Kelinu mil-lenti ta' kittieb issib li kien attiv ħafna fl-Għaqda Letterarja Maltija, kif ukoll kien membru fl-Għaqda Poeti Maltin. Kelinu kiteb ħafna poeżiji ad unur ta' Ħal Tarxien u ta' Marija Annunzjata. Kien ukoll midħla fil-ġurnaliżmu. Mill-1961 sal-1995, għall-ewwel mal-mibki Mons. Karm Sant, kien l-editur tal-fuljett parrokkjali 'Tarxien', imma kellu jħalli din il-kariga minħabba mard. Ix-xewqa tiegħu li t-Tarxiniżi ħutu jkunu fost l-aħjar ċittadini Maltin toħroġ tbaqbaq f'kull kelma li ħarġet mill-pinna tiegħu.

Kelinu għadda ħajtu bħala membru attiv tal-MUSEUM, jgħallem lit-tfal kemm żgħar u kemm kbar. Fil-ħamsinijiet għamel żmien President u wara Segretarju tal-Kumitat tal-festa ta' Marija Annunzjata ta' Ħal Tarxien u baqa' membru ta' dan il-kumitat għal diversi snin.

Kien wieħed mill-ewwel membri tal-Kunsill Ċiviku ta' Ħal Tarxien. Fl-ewwel laqgħa kien ġie elett kaxxier u baqa' jżomm din il-kariga. Kien membru u kaxxier fl-Għaqda

Ftit xhur qabel ma miet, fid-9 ta' Diċembru 1995, Kelinu kien onorat bħala l-Aktar Anzan Attiv Tarxiniż (1995), unur li waqqaf il-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien.

 

 
Numru ta' Hits