L-Istorja

(Tagħrif miġbur mis-Sur Joseph A. Farrugia ; mill-ktieb "Il-Kunsilli Lokal" ta' M.J.Schiavone u minn "Storja ta' Ħal Tarxien u Raħal Ġdid" ta' E.B.Vella - 1932)

Dan hu wieħed mill-eqdem irħula li fih kienu jgħixu n-nies. Ismu x'aktarx ġej mill-plural tal-kelma tirxa, li tfisser ġebla jew blata kbira maqlugħa mill-oħrajn. Tista' tfisser ukoll ‘witja', post fejn jirgħu l-annimali, mergħa.

L-eżistenza ta' dan il-lokal tgħodd għal madwar 4000 sena u skond l-istudjużi ta' l-Arkeoloġija huwa meqjus bħala l-belt ewlenija ta' Malta Neolitika u li fit-tempji tagħha , imwaqqfa b'ħaġar kbir, kienet tingħata l-qima pagana lill-Mara l-Qawwija, alla tal-fertilita' li issa tinstab fil-Mużew ta' l-Arkeoloġija , il-belt Valletta. Xhieda ta' dan huma l-istess tempji misjuba fi żmien Sir Temi Zammit fl-1915.

Dan ir-raħal hu msemmi fil-lista tal-Milizja ta' l-1419, u hu wkoll magħruf għas-sejbiet storiċi li hemm fih.

Fil-1575 Mons. Duzzina għamel żjarat lil diversi knejjes f'dan ir-raħal bħal dik ta' San Luqa li kienu jieħdu ħsiebha l-eredi ta' Filippu Muscat li kellu art fl-istess raħal; dik ta' San Nikola li kienet mibnija maġenb il-knisja ta' San Luqa; dik ta' San Pawl; dik iddedikata lil Santa Marija Assunta, magħrufa bħala Tar-Rokna; dik ta' San Leonardo qalb l-għelieqi f'Witja lejn Ħaż-Żabbar mibnija fuq l-art tal-Gran Mastru.

Żar ukoll kappella qalb ir-raba taħt it-titlu ta' San Ġwann Battista li qiegħda ftit ‘il bogħod mis-swar tal-Birgu (mil ‘il bogħod mill-knisja ta' Santa Margerita f'Bormla, fl-art imsejħa ta' D'Osa jew t'Għuxa). Din kienet taqa' taħt il-patroċinju ta' Birmiftuħ li fil-festa ta' San Ġwann il-Battista b'devozjoni kbira kien jagħmel l-ewwel, it-tieni vespri u quddies minn xi dħul li għandha l-kappella. Il-knisja kienet imdawwra bi ġnien li kien fih siġar u ħaxix ieħor u dar żgħira li f'xi żmien kien joqgħod fiha eremita. Din il-kappella kienet taqdi l-bżonnijiet reliġjużi lil nies ta' Għajn Dwieli, tal-Liedna u ta' Kordin.

Mons. Duzzina matul il-viżta tiegħu ltaqa' ma' kważi l-Maltin kollha u dawn ressqu quddiemu l-ilmenti tagħhom, l-iktar dwar is-smigħ tal-quddies u s-sagramenti. In-nies ta' Ħal Tarxien, li kellu firxa minn Għajn Dwieli, Triq tal-Liedna (Żabbar Road fil-Fgura), l-Għerien (ħdejn Santa Ubaldeska, Raħal Ġdid) Kordin, Ħal Saflieni (Triq Iċ-Ċimiterju) ukoll ressqu l-ilmenti tagħhom lil dak il-Viżitatur u dan s'intendi, niżżilhom fir-rapport tiegħu.

Minn żmien għal żmien in-nies ta' Ħal Tarxien baqgħu jitolbu biex jinfirdu mill-parroċċa ta' Birmiftuħ għax ma kienux qed jiġu moqdija sew minħabba d-distanza kbira li kienet teżisti għall-knisja ta' Birmiftuħ. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li f'dak iż-żmien ma kienx hawn mezzi tat-trasport bħal dawk tal-lum u t-toroq, jew passaġġi fl-għelieqi, xejn ma kienu komdi. Bir-raġun, in-nies ta' Ħal Tarxien ħassew ruħhom abbandunati f'dan ir-rigward.

Meta l-kappillan ta' Birmiftuħ, Dun Bartilmew Mangion, miet fit-23 ta' Mejju 1592, l-Isqof Tumas Gargallo għaġġel biex joftom ir-raħal ta' Ħal Tarxien mill-matriċi tiegħu. Lil Ħal Taxien waqqfu bħala parroċċa għalih fid-29 ta' Mejju 1592. Dan żgur kien l-akbar avveniment għan-nies ta' Ħal Tarxien li bilġri għażlu lill-kappella ta' Marija Annunzjata, l-ikbar waħda u l-iżjed waħda miżmuma tajjeb, bħala knisja parrokkjali tagħhom. Ħal Tarxien jiġi s-17-il parroċċa fil-lista tal-parroċċi ta' Malta.

L-ewwel kappillan ta' din il-parroċċa ġdida kien Dun Bastjan Cuscusu li ħa l-pussess tiegħu fis-26 ta' Marzu 1595 u dam imexxi sas-26 ta' Settembru 1598. Il-bidu kien iebes għax ftit wara li Ħal Tarxien sar Parroċċa, faqqgħet il-pesta f'Malta li qerdet 3,600 ruħ minn Malta kollha, iżda ma nafux kemm mietu nies minn Ħal Tarxien.

Meta fid-29 ta' Mejju 1592, l-Isqof Tumas Gargallo fired lil Ħal Tarxien minn Birmiftuħ hu tah ukoll il-medda ta' art (il-konfini) bħala parroċċa. Din il-firxa ta' art kienet tibda xi sitt mitt metru ‘l isfel mill-kappella ta' Santa Luċija fil-limiti tal-Gudja u tibqa' sejra lejn in-naħa l-oħra tal-feudu ta' Bulebel ( li jagħmel maż-Żejtun jew Santa Katerina ta' Bisqallin) in-naħa l-oħra tal-Witja ta' San Anard; jgħaddi taħt ir-riħ ta' Ħaż-Żabbar (dak iż-żmien ukoll kien jagħmel maż-Żejtun) u jdur għal ħdejn Bormla b'żewg lokalitajiet żgħar, Ħal Ħellul u Ħal Għarrat (fejn hemm parti mill-Fgura tal-lum) u jdur għal ħdejn Bormla bil-knisja ta' San Ġwann il-Battista msejjħa t'Għuxa, jew D'Osa, Għajn Dwieli, tal-Liedna, u Kordin.

Kien ukoll jieħu parti mill-Marsa (fejn illum hemm Albertown) biex imiss ma' Ħal Qormi sa fejn illum hemm iċ-ċimiterju tat-Torok u tal-Lhud, l-Għolja tal-Ħorr (fejn illum hemm iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata) ta' l-Għerien (li kien fin-naħa tal-knisja ta' Santa Ubaldeska), Ħal Saflieni (ħdejn in-naħa t'isfel ta' Triq Luqa u Triq Iċ-Ċimiterju) jieħu ukoll ir-raħal ta' Fuqani (fejn illum hemm Santa Luċija) u jmiss ma' Wied Ingraw li kien jagħmel ma' Birmiftuħ. Is-Salib tal-Marsa kien jimmarka fejn jispiċċaw il-konfini ta' Ħal Tarxien, ta' Ħal Qormi u tal-Belt Valletta.

Ġewwa din il-medda ta' art, taħt il-patroċinju ta' Ħal Tarxien, kien hemm diversi lokalitajiet li ħafna minnhom intesew. Fil-lista tal-Milizzja (tad-Dejma) ta' l-1419 insibu raħal żgħir, jew parti minn Ħal Tarxien, li hi mniżżla bħala "Sifileni et Galluni" (in-naħa ta' Triq Palma, Triq Iċ-Ċimiterju u parti minn Triq Luqa) li kien jibgħat tnax-il raġel għad-dejma. Kien hemm ukoll l-inħawi tal-Borg fejn illum hemm il-grawnd tal-futbol ta' Pace Grasso. Ix-Xagħra ta' Ħal Tarxien kienet fejn illum hemm il-pjazza ta' Casal Paola. Il-Qalgħa bit-Torri tad-Dejma kienet fejn illum hemm Villa Tarxien, b'Santa Marija tar-Rokna u n-naħa tas-Salib fejn kien hemm is-Salib tad-Dejma, għax kienu jiltaqgħu ħdejh is-suldati tad-Dejma tal-Parroċċi ta' Birmiftuħ li l-milizzja tiegħu kienet tkopri r-Reġiment ta' Ħal Tarxien u kif ukoll ta' Bisqallin, inkluż ta' Ħaż-Żabbar, qabel ma jmorru jagħmlu r-ronda li kienet twassalhom sa Marsaxlokk u Wied il-Għajn.

Il-qalba tan-nies kienet toqgħod fi Sqajjaq, Birbixkilla, Xintill, Wara l-Bjut bi Triq il-Kbira u Triq Sant'Anna u Strada Rokka bejniethom. Il-bqija rziezet bil-merħliet ta' mogħoż u nagħaġ u xi kappella bħal ta' San Anard, li kienet fil-witja ta' San Anard (ħdejn il-fabbriki ta' Bulebel), il-kappella ta' San Ġwann t'Għuxa jew D'Osa, li kienet ħames kilometri ‘l bogħod mill-knisja ta' Santa Margerita, f'Bormla, u tlett kappelli jmissu ma' xulxin fil-qalba tar-raħal u waħda fit-Triq tal-Barrani, x'aktarx fejn hemm in-Niċċa tal-Lunzjata llum. It-tliet kappelli twaqqgħu biex inbniet il-knisja parrokkjali li għandna llum.

F'Ħal Tarxien insibu s-seher tat-Tempji Neolitiċi. Dawn instabu f'Lulju 1915 wara li ċertu bidwi jismu Wenzu Despott, irrapporta lil Sir Temi Zammit, Direttur tal-Mużewijiet, li l-moħriet kien qed jaħbat ma' ġebel kbir. Wara kienet tħaffret trinka f'nofs l-għalqa, imsejjħa "Tal-Bajjada" qrib iċ-ċimiterju ta' l-Erwieħ kien nstab ħaġar kwadru taħt madwar nofs metru għoli ta' ħamrija. Aktar tard f'dawn it-tempji kienu nstabu oġġetti tal-bronż, fuħħar, iġsma ta' nies maħruqa, oġġetti tal-metall, statwetti, żnied, ornamenti u tinqix fil-ġebel.

F'dan ir-raħal wieħed isib ukoll il-kappelli ta' Santa Marija tar-Rokna u San Bert (1776) u l-knisja ta' l-Erwieħ, li tinsab fiċ-ċimiterju antik tar-raħal (1675). Il-Patrijiet Agostinjani fl-1948 ġew joqgħodu fil-kunvent u l-knisja ddedikata lil San Nikola. Is-Sorijiet tal-Karita' għandhom kunvent u skola għall-bniet biswit il-kappella li kienet iddedikata lil San Ġużepp u wara lill-Kunċizzjoni (1901).

Quddiem il-knisja ta' San Bert tinsab il-Villa ta' l-Isqof Leonardu Abela (1541-1605) , villa sabiħa u kbira, li l-Isqof Abela għażel li jibni l-palazz tal-villeġġjatura tiegħu f'Ħal Tarxien xi tliet snin qabel l-Assedju l-Kbir ta' l-1565. Mal-medda taż-żmien din il-villa għaddiet minn bosta idejn u serviet bħala skola primarja u wara sekondarja tal-Gvern u kienet ukoll kwartier tas-suldati fi żmien l-aħħar gwerra. Kienet ukoll użata bħala Health Farm; bħalissa qed isir tibdil strutturali fiha.

Fi Triq Xintill tinsab l-hekk imsejħa Dar tal-Kejka li, għalkemm mhix kbira wisq, għandha skultura sabiħa (1736). Fi triqat oħra jinstabu niċeċ u djar antiki oħrajn. Fejn jinfirdu ż-żewġ toroq taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar fi Triq Ħal Tarxien, hemm salib fuq kolonna tal-ġebel li jsibuh bħala s-Salib tad-Dejma. Dan issa jinsab fi Triq Dejma kantuniera ma' Misraħ Kurunell Mas.

L-iStemma ta' Ħal Tarxien hi tarka fuq sfond tal-fidda b'żewġ strixxi vertikali ta' lewn ikħal.

Minn Ħal Tarxien ħarġu l-parroċċi ta' Raħal Ġdid (1910), tal-Fgura (1965) u Santa Luċija (1969).

Il-popolazzjoni ta' Ħal Tarxien illum tgħodd mat-8,580 ruħ. Sas-snin sittin (1960) kien hawn f'Ħal Tarxien nies li kienu jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-agrikultura, speċjalment mill-bejgħ tal-ħalib. Illum (2003) dan kollu spiċċa u ftit nies għadhom jaqilgħu x'jieklu mill-prodotti tal-biedja.

 

 
Numru ta' Hits